Oġġezzjoni għall-applikazzjoni preliminari ta’ żvilupp tal-propost Skyparks 2 PA/05708/22

Petition Closed

This petition had 353 supporters

The Issue

Oġġezzjoni għall-applikazzjoni preliminari ta’ żvilupp PA/05708/22

L-għaqda SKALI Gudja qiegħda toġġezzjona għall-għoli tal-propost Skyparks 2 ġewwa l-Ajruport ta’ Malta ġewwa Ħal Luqa. L-applikazzjoni PA/05708/22 qiegħda tipproponi l-bini ta’ kumpless massiv ta’ ’l fuq minn tmien sulari.

Aħna qegħdin nipproponu din il-petizzjoni biex inħeġġu lill-Gudjani, il-ġirien u l-poplu kollu jingħaqad magħna biex nipproteġu r-raħal tagħna minn dan il-proġett eċċessiv. Aħna qegħdin nissuġġerixxu li jkun hemm tnaqqis sinifikanti fl-għoli biex innaqqsu l-impatt viżwali fuq il-Gudja u l-Kappella prestiġjuża ta’ Bir Miftuħ. Nitolbu li l-kummenti tagħna u ta’ kull min jiffirma jiġu kkunsidrati waqt il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.

Dawn huma r-raġunijiet wara l-oġġezzjoni ta’ SKALI Gudja:

1.      Dan is-sit jinsab f’post prominenti ħafna u se jaffettwa l-veduti kemm minn distanzi twal u kemm qosra. Kif jixhdu l-viżwali sottometti fid-dokument 55l (mehmużi), dan il-kumpless se jkun viżibbli ferm minn ġewwa r-raħal tal-Gudja u l-viċinanzi. Il-bini ta’ Skyparks 2 se jkompli jimpatta fuq l-estetika ta’ dan ir-raħal li għadu jżomm karattru tradizzjonali. Barra dan, il-Gudja għadu mdawwar b’pajsaġġ naturali u kulturali sinifikanti. Dan il-proġett evidentament se jnaqqas il-valur storiku u kulturali uniku ta’ dan ir-raħal.

 

2.      Il-proġett huwa propost fil-viċinanzi tal-Kappella Medjevali ta’ Bir Miftuħ. Din il-Kappella ġiet mibnija qabel is-seklu 15 u hija waħda mill-eqdem parroċċi f’Malta. Din kienet tħaddan bosta lokalitajiet li llum saru rħula, bħal Ħal Luqa, Ħal Tarxien u l-Imqabba forst oħrajn. Hija eżempju eċċellenti ta’ arkitettura Medjevali, b’faċċata awstera u b’saqaf immejjel u bix-xorok twal iserrħu fuq arkati għall-ponta. Din il-Kappella hija ddedikata lil Santa Marija u jista’ jingħad li minnha ġiet imwielda l-Parroċċa preżenti tal-Gudja.

 

3.      Il-Kappella Medjevali ta’ Bir Miftuħ ġiet skedata fl-għola grad mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-2020. Madwarha għandha wkoll żona ta’ lqugħ biex tibqa’ mdawra b’żona rurali u protetta minn żvilupp eċċessiv. Din il-kappella hija wkoll imniżżla fl-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin (Numru 1806).

 

4.      Il-bieb ewlieni ta’ din il-Kappella jħares preċiż lejn is-sit tal-iżvilupp propost f’din l-applikazzjoni. It-tieni viżwal ipprovdut fid-dokument 55l jikkonferma l-impatt viżwali negattiv li se jkollu dan il-proġett fuq waħda mill-eqdem kappelli f’pajjiżna. Din l-applikazzjoni tmur kontra ċ-Ċirkolari 3/20 tal-Awtorità tal-Ippjanar li nħoloq biex joħloq għarfien dwar il-kuntest ta’ binjiet skedati. F’dan il-każ huwa ċar kristall li l-kuntest ta’ din il-kappella se jkun qiegħed jiġi affettwat negattivament b’dan il-proġett massiv u bla rispett għall-valur storiku u arkitettoniku tal-Kappella ta’ Bir Miftuħ.

 

5.      Il-proposta tmur ukoll kontra l-oġġettivi mniżżla fid-dokument ‘Strategic Plan for Environment and Development (SPED) tal-2015. Bħala eżempju, l-Objettiv Tematiku Urban numru 8.7 jsostni dwar ir-rivalutazzjoni tal-valur tal-karattru, l-amenità u d-distinzjoni ta’ bini li għandhom valur ta’ patrimonju kulturali. Din l-applikazzjoni se tirrovina kompletament il-veduti ta’ din il-kappella u se timpatta fuq il-valur storiku, arkitettoniku u vernakolari tagħha. 

Jekk dan il-proġett jiġi approvat, Skyparks 2 se joħloq impatt negattiv kbir fuq ir-raħal tal-Gudja, speċjalment fuq il-Kappella ta’ Bir Miftuħ. Ejja nissalvagwardjaw il-patrimonju kulturali, l-estetika u l-kuntest ta’ dan ir-raħal imsawwar bi storja, kultura u natura imprezzabbli. 

Din il-petizzjoni se tintbagħat lil Prim Ministru, Malta International Airport, l-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Ministeru Tal-Kultura.

  Aġġornamenti u kummenti dwar din l-applikazzjoni għandhom jintbagħtu fuq: skali@skaligudja.org

  

Petition Updates