Insalvaw il-Komunitajiet tal-Port il-Kbir

36

Let’s get to 50 signatures!
Petitions with 1,000+ supporters are 5x more likely to win!

The Issue

Aħna, hawn taħt iffirmati - għaqdiet lokali, korpi kostitwiti u entitajiet, qed inħeġġu lill-Gvern biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata l-eżistenza u l-vijabbiltà tal-komunitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir, li matul dawn l-aħħar snin qed jiffaċċjaw tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni residenti tagħhom, bħala riżultat ta’ diversi fatturi u ċirkostanzi soċjoekonomiċi, demografiċi u urbanistiċi.

Dawn il-komunitajiet jikkostitwixxu parti integrali mill-identità, mill-istorja u mill-ħajja soċjali u kulturali tal-Port il-Kbir u tal-pajjiż. It-tradizzjonijiet, il-wirt kulturali, l-identitajiet lokali u s-sens ta’ appartenenza li żviluppaw tul is-snin huma marbuta b’mod dirett mal-eżistenza ta’ komunitajiet residenti stabbli u attivi.

Aħna, bħala entitajiet u ċittadini li nirrappreżentaw u nservu lil dawn il-komunitajiet, nirrikonoxxu r-responsabbiltà li għandna biex nikkontribwixxu għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-identità lokali, tal-wirt kulturali u tal-ħajja komunitarja. Madankollu, dan il-għan ma jistax jintlaħaq mingħajr politika pubblika koerenti u koordinata li tindirizza l-kawżi li qed iwasslu għat-tnaqqis tal-popolazzjoni residenti.

Għaldaqstant, nemmnu li r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir għandha titqies f’kuntest usa’ minn dak purament fiżiku, infrastrutturali jew ekonomiku. Ir-riġenerazzjoni għandha tinkludi wkoll dimensjoni soċjali u demografika, bil-għan li jiġu ppreservati l-komunitajiet eżistenti u jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jgħixu, jikbru u jiffjorixxu.

Għalhekk, qed nitolbu lill-Gvern biex jadotta u jimplimenta miżuri konkreti, fit-tul u koordinati li:

  • jissalvagwardjaw l-eżistenza tal-komunitajiet residenzjali ta' madwar il-Port il-Kbir;
  • jindirizzaw it-tnaqqis fil-popolazzjoni tar-residenti u l-fatturi li qed jikkontribwixxu għalih;
  • jimplimentaw skemi u inċentivi lil min irid jixtri u jkun sid ta' proprjetà biex ikun jista' jgħix hu, u jkabbar familtu;
  • jippromwovu l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ħajja komunitarja u tal-identità lokali;
  • jiżguraw li l-proċess ta’ riġenerazzjoni jkun ibbilanċjat bejn il-ħtiġijiet ekonomiċi, kummerċjali u turistiċi u l-ħtiġijiet residenzjali u soċjali tal-komunitajiet;
  • u jpoġġu lir-resident u l-kwalità tal-ħajja tiegħu fiċ-ċentru tal-ippjanar u tal-politika dwar il-Port il-Kbir. 

Aħna nemmnu li l-iżvilupp u r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ma jistgħux jitqiesu bħala suċċess jekk dawn il-proċessi jwasslu biex il-komunitajiet li storikament sawru din iż-żona jitnaqqsu jew jisparixxu.

Il-Port il-Kbir għandu jibqa’ spazju fejn, flimkien mal-attività ekonomika, kummerċjali u turistika, ikun hemm ukoll komunitajiet residenzjali b’saħħithom, sostenibbli u ħajjin.

Għalhekk, permezz ta’ din il-petizzjoni, qed nappellaw lill-Gvern biex jagħti prijorità lill-preservazzjoni u t-tiġdid tal-komunitajiet tal-Port il-Kbir u biex jiżgura li r-riġenerazzjoni taż-żona tkun waħda inklużiva, sostenibbli u mibnija fuq bilanċ ġust bejn l-iżvilupp u d-dritt tal-komunitajiet li jibqgħu jgħixu u jiżviluppaw fiż-żoni tagħhom.

Petition Updates

Share this petition

Petition created on November 18, 2026